Ix-xogħlijiet fiż-żona tal-kunċerti tal-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali waslu fl-aħħar fażi. Dan l-ispazju, dalwaqt mistenni jiftaħ għall-pubbliku.
Fi stqarrija mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi ntqal li dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett u s-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia waqt żjara li għamlu fil-park.
Il-Ministru Bonett ġie kkwotat jgħid li din iż-żona, li sa ftit snin ilu kienet impjant tal-konkos miksi b’tunnellati ta’ materjal tal-kostruzzjoni mormi illegalment, issa ġiet żviluppata mill-ġdid fi spazju miftuħ, li se joffri l-faċilitajiet kollha possibbli biex jittellgħu attivitajiet tal-massa tal-ogħla livell.
Dan il-proġett huwa fil-qalba tal-politika tal-Gvern – li nagħtu aktar spazji miftuħa liċ-ċittadini. Din iż-żona tal-kunċerti se tkun tista’ tintuża wkoll bħala spazju ta’ rikreazzjoni għall-pubbliku. Kommessi li nibqgħu naħdmu biex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Chris Bonett – Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Farrugia qal li dan huwa proġett ieħor li jixhed il-politika b’saħħitha li adotta l-Gvern biex ikompli jagħti lin-nies spazji ħodor u miftuħa biex jitgawdew mill-familji.
Din iż-żona tal-kunċerti hija parti integrali minn proġett kbir ta’ xogħlijiet li saru mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi fir-riġenerazzjoni tal-Park Nazzjonali. L-investiment b’saħħtu li sar f’dan il-park jinkludi l-ikbar spazju aħdar f’pajjiżna b’daqs ta’ 20 ground tal-futbol, teatru, sala ġdida għall-esibizzjonijiet, pjazza ġdida, passaġġi ġodda għall-mixi u eżerċizzji fiżiċi, servizzi sanitarji ġodda, funtana ġdida, sistema ta’ dawl speċjalizzata u parkeġġ kbir għal 500 vettura.
Omar Farrugia – Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi
Intqal, li ż-żona tal-kunċerti fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali se tkun mgħammra bl-aqwa teknoloġija u b’faċilitajiet biex tilqa’ fiha kunċerti tal-ogħla livell u attivitajiet tal-massa, fosthom dressing rooms u backstage taħt l-art, klinika, control room tas-sigurtà, żewġ design kiosks u 144 toilet.
L-istqarrija żiedet tgħid, li fiż-żona, l-ilma kollu se jittella’ minn ġibjun kbir li jinsab taħt l-ispazju aħdar tal-park. Iż-żona se tkun mgħassa wkoll b’kameras tas-sigurtà 24 siegħa kuljum.
Iż-żona se tkun l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’Malta u fl-aħħar kwart ta’ din is-sena mistennija tilqa’ fiha l-ewwel minn sensiela ta’ kunċerti internazzjonali.
Il-Kap tal-Unit tal-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali, Jason Micallef, stqarr li din hija l-akbar riġenerazzjoni fuq spazji ħodor differenti li qatt twettqet fil-pajjiż li qed tħalli r-riżultati mixtieqa. Semma kif il-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali llum għandu struttura permezz ta’ unit imwaqqaf biex jimmaniġġja l-Park Nazzjonali inkluż iż-żamma tiegħu.