Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi minn dejjem kien essenzjali fil-bini tar-reżiljenza tal-pajjiż. Għen biex l-iżvilupp infrastrutturali ta’ Malta u Għawdex jissawwar b’responsabbiltà li jitwasslu proġetti li jħallu impatt dirett fuq il-ħajja ta’ kuljum — proġetti li jvarjaw minn toroq, skejjel, sptarijiet, infrastruttura għall-ilma tal-baħar u tad-drenaġġ, djar, ġonna pubbliċi, restawr tal-wirt storiku, titjib ambjentali, servizzi ta’ mmaniġġjar u tindif tal-iskart, u spazji pubbliċi sostenibbli. Id-Dipartiment jaħdem mill-qrib mal-Kunsilli Lokali, organizzazzjonijiet governattivi u mhux governattivi oħrajn, u l-komunitajiet inġenerali, biex jiżgura li l-proġetti jissodisfaw il-ħtiġijiet lokali u l-prijoritajiet nazzjonali.
Il-legat tagħna
L-oriġini tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi tmur lura għal żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, meta Malta bdiet tifformalizza r-regolamenti tal-bini, trawwem it-twaqqif tat-tradizzjoni arkitettonika-inġineristika Maltija, u tibni wħud mill-aktar postijiet pubbliċi ikoniċi fosthom il-Palazz tal-Gran Mastru, is-swar u l-Knisja Konventwali ta’ San Ġwann.
Matul il-ħakma Ingliża, fis-seklu dsatax, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ħa l-forma bħala entità moderna tal-Gvern, billi fformalizza r-responsabbiltajiet tiegħu għall-manutenzjoni u l-bini ta’ infrastruttura pubblika, toroq, baċiri u proprjetajiet tal-gvern. Maż-żmien, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ħa ħsieb kważi x-xogħlijiet infrastrutturali kollha f’Malta u Għawdex, mid-disinn sal-eżekuzzjoni u l-manutenzjoni u kkontribwixxa għall-evoluzzjoni tal-ibliet u l-pajsaġġ Malti.
Maż-żmien, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi evolva diversi drabi, fosthom l-istruttura u r-responsabbiltajiet tiegħu. Ħafna entitajiet ħarġu minnu biex jaqdu l-funzjonijiet b’mod indipendenti u issa jeżistu bħala dipartimenti, awtoritajiet, jew aġenziji fihom infushom f’Ministeri differenti fi ħdan il-Gvern. Għalhekk m’hemmx dubju li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi kontinwament evolva, ivvinta mill-ġdid u organizza ruħu mill-ġdid biex jilqa’ għal sfidi ġodda u jindirizza l-bżonnijiet emerġenti fuq livell nazzjonali.
Fl-2025, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi organizza ruħu mill-ġdid biex jindirizza l-ħtiġijiet tal-preżent u tal-ġejjieni, b’ enfasi fuq it-titjib tal-kwalità tal-ħajja għaċ-ċittadini; ħtieġa għal aktar attenzjoni u effiċjenza fit-twettiq tal-proġetti, u l-kontribut tiegħu għall-SDGs, l-ESG, l-azzjoni klimatika u t-trasformazzjoni ekoloġika.
Illum, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed ikompli jħallat dan il-wirt storiku mal-innovazzjoni moderna, b’ enfasi fuq l-effiċjenza, is-sostenibbiltà, u l-impenn komunitarju. Għal dan il-għan inħolqu żewġ Diviżjonijiet iffokati – jiġifieri d-Diviżjoni tax-Xogħlijiet u d-Diviżjoni tal-Proġetti tal-Komunità.
Kont taf?
- Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi sawwar lil Malta u Għawdex għal aktar minn ħames sekli, mill-Kavallieri ta’ San Ġwann sal-lum.
- Id-Dipartiment ħa ħsieb il-postijiet ikoniċi bħall-Palazz tal-Gran Mastru, il-Knisja Konventwali ta’ San Ġwann, u s-swar storiċi ta’ Malta, fost oħrajn.
- Fl-2024, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi daħal f’Memoranda ta’ qbil ma’ 54 Kunsill Lokali biex jimplimenta Qafas ta’ Ftehim madwar il-komunitajiet.
- Illum id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi huwa magħmul mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet u mid-Diviżjoni tal-Proġetti tal-Komunità għal attenzjoni, effiċjenza u impenn komunitarju aħjar.