Dan il-proġett kien jikkonsisti fil-bini ta’ stormwater culverts sabiex tittaffa l-problema li kienu qed jgħaddu minnha r-residenti ta’ Triq Brared u Triq Anġlu Mallia meta tagħmel ħafna xita.
Dawn il-culverts għandhom tul ta’ madwar 250m u huma magħmulin minn pajpijiet tal-uPVC b’dijametru ta’ 500mm. Dawn il-culverts ġew imqabbda mal-mina tal-Proġett Nazzjonali għat-Taffija tal-Għargħar li għaddejja minn taħt Triq in-Naxxar permezz ta’ xaft ġdid li hu fond madwar 15m.
Il-culverts jaqbdu l-ilma tax-xita li jkun nieżel minn Triq il-Karmnu u Triq Anġlu Mallia permezz ta’ gradilji li jaqsmu t-triq fi Triq il-Karmnu kantuniera ma’ Triq Brared, u fi Triq Anġlu Mallia kantuniera ma’ Triq Brared.
Dan ix-xogħol kien jagħmel parti minn proġett ta’ riġenerazzjoni u taffija tal-għargħar fl-Imqabba u kien imqassam fuq tliet fażijiet distinti:
L-ewwel fażi kienet tikkonsisti fil-bini ta’ sistema għall-immaniġġjar tal-ilma tax-xita li tgħaddi minn Triq Karmenu Ciantar, Triq Xandru Farrugia u Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija.
It-tieni fażi kienet tikkonsisti fl-iskavar u bini ta’ ġibjun soakaway f’sit fi Triq Ġanni Darmanin. Dan il-ġibjun ġie msaqqaf u mgħotti bil-ħamrija.
It-tielet fażi kienet tikkonsisti fil-bini ta’ culverts għall-ilma tax-xita fil-Pjazza tal-Parroċċa, liema culverts tqabbdu ma’ dawk li kienu saru fi Triq Karmenu Ciantar. B’hekk l-ilma tax-xita li jinġabar fil-pjazza u matul it-toroq imsemmija jiġi mwassal fil-ġibjun il-ġdid.
Ix-xogħlijiet tlestew fil-bidu tas-sena 2021.