L-Arkivju tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi huwa minjiera bla tarf ta’ rikktezza storika. Fih wieħed isib eluf ta’ pjanti, mapep u disinji ta’ diversi postijiet u artijiet madwar il-gżejjer Maltin, bħal bereġ, funtani pubbliċi, teatri u ħafna aktar. Dawn l-elementi jmorru lura sas-sena 1850 meta Malta kienet taħt il-ħakma Ingliża u jagħmlu parti integrali min-nisġa ta’ pajjiżna.
Għalkemm l-arkivji tad-dipartiment minn dejjem kienu disponibbli għal kull min kellu bżonnhom, xorta konxju li m’hemmx għarfien pubbliku biżżejjed dwarhom. U proprju għalhekk li fis-sena 2023, tellgħu esibizzjonijiet varji sabiex iwasslu għarfien lill-pubbliku u jagħmluh konxju dwar il-patrimonju tiegħu.
Għal snin sħaħ, il-pjanti kollha ġewwa l-arkivji kienu maħżuna ġewwa kxaxen tal-injam. Bla dubju, l-injam mhux ideali biex taħżen fih dawn il-pjanti u għal dan il-għan qiegħed isir investiment sabiex il-pjanti u l-mapep kollha jiġu maħżuna ġewwa kxaxen aktar moderni u li l-materjal ma ssirilux ħsara.
Għaldaqstant, id-dipartiment investa fi skaners moderni ta’ tliet daqsijiet differenti sabiex bihom seta’ jibda d-diġitizzazzjoni tal-materjal kollu maħżun fl-arkivji tiegħu. Dan il-pass kien kruċjali għall-preservazzjoni tar-rekords kollha għall-ġenerazzjoni preżenti u futura.
It-taqsima responsabbli għar-rekords u l-arkivji qiegħda taħdem ukoll biex ikollha pjattaforma sabiex informazzjoni bħal pjanti, blueprints eċċ. jiġu mfassla bħala punti fuq mappa diġitali, dik li tissejjaħ Geographic Information System (GIS). Dan il-proċess se jwassal biex id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi jkollu sistema online, li hija aċċessibbli mill-impjegati kollha permezz tal-integrazzjoni tal-CorpID Logins fuq ArcGIS Online.