L-Istorja Tagħna
Sfond storiku u l-iżvilupp tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi
Tradizzjonalment u maż-żmien:
Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ġie mwaqqaf madwar mitt sena ilu sabiex iwettaq diversi xogħlijiet pubbliċi għall-gvern. Dawn jinkludu sptarijiet, skejjel, toroq, djar, infrastruttura tal-baħar, tal-ilma u tad-drenaġġ, ġonna pubbliċi, xogħol ta’ restawr, immaniġġjar tal-iskart, tindif, żvilupp ta’ parks, u xogħlijiet ta’ tisbiħ ambjentali.
Minn dan id-dipartiment ħarġu ħafna entitajiet biex iwettqu uħud minn dwn il-funzjonijiet b’mod indipendenti u issa jeżistu bħala dipartimenti, awtoritajiet u aġenziji f’Ministeri differenti mal-Gvern.
Nimxu maż-żminijiet:
Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi evolva kontinwament, ġedded lilu nnifsu u rriorganizza ruħu biex jindirizza sfidi u ħtiġijiet ġodda fuq livell nazzjonali. Bħalissa, id-Dipartiment
tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed jerġa’ jirriforma lilu nnifsu permezz ta’ miżuri ta’ ‘Trasformazzjoni Ħadra” biex jibni l-kapaċità tiegħu u jindirizza l-ħtiġijiet attwali u dawk futuri relatati mal-miri ta’ żvilupp sostenibbli u l-azzjoni klimatika.
L-istorja vasta tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi hija mifruxa fuq ħames sekli. Din
il-ħarsa storika tikkonferma li dan id-dipartiment għadda minn bosta tibdiliet matul is-snin.
Fil-fatt, kien propju taħt il-ħakma tal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann, matul is-Seklu 15, li
t-twaqqif tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi żviluppa f’Dipartiment organizzat, waqt li kompla jiffjorixxi fi żminijiet iktar riċenti, bejn l-1800 u 1964 matul il-ħakma tal-Imperu Ingliż, kif ukoll fil-perjodu ta’ wara l-Indipendenza.
Il-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann kienu responsabbli għall-introduzzjoni ta’ numru ta’ regolamenti u liġijiet kollha mmirati biex jorganizzaw u jikkontrollaw l-attivita’ tal-bini li kienet qiegħda tikber. Huma ispiraw aspett ta’ organizzazzjoni, xi ħaġa li l-professjoni tal-bini lokali kienet teħtieġ.
Barra dan, il-kunċett ta’ arkitett-inġinier Malti kien introdott bil-wasla tal-Kavallieri fis-Seklu 16 u sussegwentament kien żviluppat fis-Seklu 18 u finalment imsaħħaħ fis-seklu 20. Matul
il-ħakma tagħhom, il-Kavallieri xi ftit jew wisq influwenzaw l-iżvilupp tal-arkitettura fil-gżejjer Maltin.
Matul is-snin, il-Kavallieri kienu responsabbli għall-bini ta’ bosta binjiet pubbliċi, b’mod partikulari, il-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta, il-fortifikazzjonijiet, il-Knisja Konventwali ta’ San Ġwann, flimkien ma’ numru ta’ bereġ u binjiet pubbliċi prominenti oħra, biex insemmu ftit. L-aħħar binja li nbniet mill-Kavallieri kienet il-Librerija Pubblika Nazzjonali.
Sa mis-sena 1800, l-Imperu Ingliż ħa t-tmexxija tal-gżejjer Maltin taħt idejh. Fl-ewwel għexieren ta’ snin tal-ħakma Ingliża, ftit li xejn kien hemm attività ta’ bini pubbliku peress li
l-Ingliżi kienu moqdija bil-bini li kellhom. Madankollu, matul l-aħħar kwart tas-Seklu 19, periti u inġiniera li jaħdmu fuq xogħlijiet pubbliċi, ħallew il-marka tagħhom sallum u iżjed minn hekk. Fil-qosor, l-istorja tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ta’ bejn l-1800 u l-1850 kienet waħda fejn kien hemm żmien ta’ amalgamazzjoni u separazzjoni minn ma’ Dipartimenti oħra. Intant, ta’ min isemmi li l-ħakma Franċiża damet biss sentejn, sakemm il-Franċiżi ċedew il-Belt Valletta f’Settembru tal-1800.
Fost l-ewwel istituzzjonijiet li waqqfu l-awtoritajiet Brittaniċi kien propju l-Public Property Board, fl-1800. Dan il-Bord kien responsabbli għall-amministrazzjoni tal-artijiet li kienu proprjetajiet tal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann. Bis-saħħa tat-taqsima tax-xogħlijiet, jew, tan-nies tas-sengħa li kienu jaħdmu fiha, dan il-bord irnexxielu jżomm l-infrastruttura ċivili tal-pajjiż għaddejja, filwaqt li kien jieħu ħsieb jara li jwettaq dawk ix-xogħlijiet pubbliċi li jkun meħtieġ li jsir intervent fuqhom.
Il-perjodu Ingliż wassal għall-bidu ta’ era ġdida fejn tidħol l-infrastruttura tal-bini pubbliku.
L-imsemmi Bord, li kien kompost minn 5 membri, għall-bidu kien iffurmat minn nies li ma kinux tas-sengħa, iżda sussegwentament kien kompost minn nies tekniċi.
Bis-saħħa tal-Proklama Numru. XV tal-1814, il-Gvernatur Ingliż ħabbar riforma importanti li wittiet it-triq għat-twaqqif tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi kif nafuh illum. Il-Proklama kienet tipproponi li tiġi abolita l-amministrazzjoni tal-bord tal-proprjetà pubblika u li ġie mibdul f’Dipartiment Governattiv. Dan id-Dipartiment kien jikkonsisti minn żewg taqsimiet: waħda li tikkonċerna d-dħul tat-taxxi u l-oħra kienet responsabbli għat-twettiq tax-xogħlijiet pubbliċi. It-taqsima tax-xogħlijiet issa kienet qed titmexxa minn nies tekniċi. Fl-1824,
it-Taqsima tax-Xogħlijiet tal-Gvern u t-Tiswijiet tneħħiet minn mad-Dipartiment tal-Ġbir
tat-Taxxi u tpoġġiet taħt Direttur tax-Xogħlijiet u Tiswija li ġie nnominat. Fl-1828, ktieb ippubblikat mill-Gvern jelenka l-funzjonijiet li kellu jwettaq l-Uffiċċju tad-Direttur li kien responsabbli għax-Xogħol u t-Tiswijiet:
- Responsabbli għax-xogħlijiet kollha li jwettaq il-Gvern ta’ Malta u Għawdex.
- Il-manutenzjoni u t-tiswija tal-proprjetà tal-Gvern fl-ibliet u fil-kampanja, sew dawk li huma bil-kera u sew dawk li mhumiex.
- It-tiswija tat-toroq fl-ibliet u fil-kampanja, tal-mollijiet, tas-sistema tad-drenaġġ u
tal-akkwadotti. - Id-Direttur jirrapporta lill-Gvern fuq l-applikazzjonijiet li jsiru biex proprjetarji privati biex jibnu jew jagħmlu xi alterazzjonijiet fid-djar tagħhom fl-ibliet, biex ma jkunx hemm inkonvenjent lill-pubbliku jew lill-ġirien tagħhom minħabba x-xogħlijiet jew
l-alterazzjonijiet. - Id-Direttur huwa responsabbli għall-ħaddiema tekniċi ċivili u għall-Imħażen tal-Gvern u
l-Workshops.
Fl-1830, il-Gvern ippropona li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet tal-Gvern jerġa’ jiġi amalgamat mad-Dipartiment tad-Dħul tat-Taxxi, bħala miżura ekonomika. Din l-amalgamazzjoni seħħet bejn l-1836 u l-1838. Madankollu, fl-1848, reġa’ kien hemm is-separazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dipartimenti għar-raġuni li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi kien nieda programm sostanzjali ta’ xogħlijiet pubbliċi.
Matul is-snin, l-istrutturi wiesgħa li kienu parti integrali mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi bdew jonqsu bil-mod. Fil-passat, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi prattikament kien responsabbli għax-xogħlijiet infrastrutturali kollha li kienu jsiru f’Malta u Għawdex.
Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi kien jiġi involut mill-fażi tad-disinn sat-twettiq
tal-proġetti. Kien proprju fil-bidu tas-snin ’90 li sar eżerċizzju ta’ ristrutturar sinifikanti sabiex tiċċekken l-istruttura ta’ dan id-Dipartiment. B’riżultat ta’ dan, twaqqfu numru ta’ entitajiet governattivi.