Binjiet Pubbliċi


Il-Furjana: Tranġar ta’ proprjetà għall-IAID fi Triq Sa Maison

Dan il-post, li jinsab faċċata tas-Sur ta’ Sa Maison, kien inbena fi żmien l-Ingliżi biex jintuża bħala forn. Matul iż-żminijiet, intuża għal għanijiet oħra, fosthom bħala biċċerija, uffiċini ta’ bank lokali kif ukoll uffiċini tal-gvern. Il-binja ghandha ħitan tradizzjonali tal-ġebel fuq barra u struttura tal-ħadid fuq ġewwa b’soqfa tal-konkos rinforzat.

Il-proġett ikkonsista fit-tranġar tan-naħa tal-lemin tal-binja oriġinali magħmula minn kantina u tliet sulari fuqha. Parti interna mill-binja u l-faċċata biswit l-uffiċini ta’ Transport Malta twaqqgħu u reġgħu nbnew mill-ġdid. It-twaqqigħ fuq ġewwa sar biex jinbena taraġ li jintuża f’każ ta’ nar u xaft għal-lift skont l-istandards kurrenti, biex jiġu pprovduti toilets adegwati b’xaft intern ħalli jitneħħew is-servizzi mill-faċċata, u anke biex jitneħħew xi partijiet tal-istruttura li kienu ikkundannati. Il-faċċata tal-ġenb, li kienet intervent iktar riċenti u mingħajr importanza, twaqqgħet minħabba li l-istat ħażin tagħha kien ikkunsidrat perikoluż waqt ix-xogħlijiet.

Fil-parti tal-binja li nżammet, tneħħiet iż-żebgħa tal-istruttura tal-ħadid u ġiet applikata żebgħa li toffri protezzjoni f’każ ta’ nar. Hawnhekk, tqaxxret ukoll iż-żebgħa minn fuq il-ħitan u s-soqfa. Biex titnaqqas l-umdità fil-ħitan, fil-kantina nbniet qoxra separata tal-bricks, bil-membrane fuq wara, u fis-sulari ta’ fuq twaħħlu boards apposta. Sar il-kisi u żebgħa fejn kien hemm bżonn. Ġiet installata sistema ta’ pavimentar elevat biex l-istruttura tal-ħadid tibqa’ esposta. Twaħħlu diviżorji tal-gypsum u tal-ħġieġ, u t-twieqi ġew mibdula ma’ oħrajn ġodda tal-injam double glazed. Sar ukoll xoghol ta’ restawr fuq il-faċċata.

Ġew installati sistemi ġodda tal-elettriku, ilma u drenaġġ kif ukoll sistemi ta’ air conditioning u heat recovery, u sistemi elettroniċi ta’ sigurtà.

Il-Pont ta’ Gomorino

Dan il-pont kien tlesta’ fl-1900 bħala parti mill-estensjoni għal-linji tal-ferrovija. Minħabba l-importanza storika tagħhom kemm dan il-pont kif ukoll l-istazzjon huma skedati bħala Grad Numru 1. Minħabba dan il-fatt, ix-xogħol li sar fuqu kien jirrekjedi li jsir bl-akbar reqqa u attenzjoni.

Ix-xogħol li sar fuqu kien jinkludi

  • Restawr estensiv fuq il-parapett tal-pont, inkluż xogħol ġdid ta’ partijiet li huma nieqsa.
  • Tindif ta’ ħitan u fejn tneħħew ukoll graffiti riċenti. Tkaħħlu l-fili mill-ġdid b’materjal apposta.
  • Inqalgħet it-triq li mill-istazzjoni tagħti għat-triq prinċipali ta’ bejn l-Imdina u l-Imtarfa. Inbniet bażi ġdida tal-konkos, kif ukoll tqiegħed wiċċ ġdid.

Inqalgħu ċnut tal-konkos li kienu eżistenti tul it-triq u li kellhom ħafna ħsara. L-istil ta’ dawn kien tipikament tas-snin sittin. Dawn probabbli saru minflok dawk oriġinali tal-bidu tas-seklu 20. Saru ċnut oħrajn ġodda imqabbdin mal-bażi tat-triq għal aktar sigurtà. Fuq dawn tqiegħed poġġaman tal-ħadid biex ma jtellifx u tkun tista’ titgawda l-veduta.

  • Inbniet bankina ġdida biex tkun tista’ tintuża minn dawk li jkunu qed jimxu, b’hekk il-post sar aktar aċċessibbli u sigur għal min ikun irid jimxi fl-inħawi.
  • Sar dawl ġdid u modern li jaħli inqas filwaqt li s-servizzi issa qed jgħaddu kollha minn taħt il-bankina.
  • Inżabru b’mod tajjeb u korrett numru ta’ siġar eżistenti, kif ukoll sar iż-żbir ta’ arbuxelli.
  • Tneħħew siġar u pjanti invażivi, filwaqt li nqalgħu ukoll siġar li kienu ta’ periklu għan-nies minħabba l-istat tagħhom, kif ukoll minħabba li setgħu jkunu ta’ ħsara għax-xogħol il-ġdid. Tħawlu mill-ġdid numru ta’ siġar indiġeni fl-istess akwati.
Proġett biex jittejjeb l-Energy Perfomance ta’ Project House – Ix-xogħlijiet li saru:
  • Dan il-proġett sar biex itejjeb l-energy performance tal-binja ta’ Project House.
  • Ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu  fi twaħħil ta’ insulation boards fuq barra, mal-faċċati tal-binja kif ukoll cladding tal-qawwi fuq struttura ta’ l-aluminium, b’tali mod li jkun hemm ventilated cavity. 
  • Saru aperturi kollha ta’ aluminium thermal break u bi ħġieġ double glazed.  
  • L-iskylight saret ukoll tal-ħġieġ double glazed. 
  • Fuq il-bejt, inqala’ l-kontrabejt eżistenti biex tqiegħed saff ta’ insulazzjoni u wara  reġa’ tqiegħed kontrabejt ġdid li ngħata wiċċ biex jirrifletti is-sħana.
  • Building integrated photovoltaic panels ġew imwaħħlin fuq il-faċċati li jħarsu lejn in-Nofsinhar.
  • Ġew installati  sistemi ċentrallizzati tal-arja kkundizzjonata VRF  li huma aktar effiċjenti.
  • Saret ukoll Building Management System (BMS) li topera u tikkontrolla s-sistemi u servizzi kollha ta’ enerġija biex b’hekk  tirriżulta fit-tnaqqis tal-użu tal-istess enerġija.
  • Ix-xogħol beda fil-bidu ta’ Jannar 2021 u tlesta’ f’Settembru 2022.
  • L-EPC rating issa tela’ għal klassi  A.
Binja b’faċilitajiet għall-klieb tad-dwana f’Ħal Far
  • Inbniet binja moderna u attrezzata ġewwa Ħal Far biex isservi għat-taqsima tal-klieb tad-dwana. Minbarra faċilitajiet neċessarji kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-klieb sar ukoll tisbiħ fiż-żona tal-madwar. Inbnew 8 kennels għall-klieb kif ukoll 2 oħra għal dawk il-klieb li jkunu kwarantina. Dawn il-kennels għandhom il-faċilitajiet kollha inkluż arja kkontrollata. Spazju miftuħ quddiem il-kennels ġie attrezzat biex iservi ta’ post fejn isir it-taħriġ neċessarju lil dawn il-klieb. Inbena’ wkoll parking fuq ġibjun li ser iservi ta’ ħażna għall-ilma.

     Inbniet ukoll binja biex isservi bħala blokk għall-amministrazzjoni kif ukoll l-uffiċini neċessarji bil-faċilitajiet kollha. Inbena wkoll sub-station biex iwassal l-elettriku lil dan il-kumpless ġdid kif ukoll liż-żona tal-madwar.

Public Works Department
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.