tisbiħ fl-ispazji pubbliċi


Pjazza Annunzjata – Sliema

L-għan ta’ dan il-proġett kien li jsebbaħ spazju miftuħ li jinsab fil-qalba ta’ Tas-Sliema. Ix-xogħol f’dan il-proġett kien jinkludi t-tneħħija tal-asfalt eżistenti tat-triq u t-tqegħid ta’ pavimentar naturali (porfido u lava), ir-riorganizzazzjoni ta’ spazji għall-parkeġġ u l-installazzjoni ta’ dawl ġdid għat-triq.

Il-Park tal-Avventura f’Ta’ Qali

Il-Park tal-Avventura f’Ta’ Qali jifforma parti mill-Park Nazzjonali ta’ Malta. Dan jinsab fuq runway li kienet tintuża mill-militar Ingliż li tkopri area ta’ madwar 14-il elf metru kwadru.

Dan il-park huwa maħsub għall-familja kollha, speċjalment it-tfal, anke dawk bi bżonnijiet speċjali. Il-park jipprovdi logħob u attivitajiet għal tfal minn sena ’l fuq, inkluż adolexxenti. Hemm ukoll tagħmir edukattiv li jispjega u jagħmilha faċli biex tifhem prinċipji matematiċi u xjentifiċi.

Iż-żoni kollha tal-logħob huma kkumplimentati b’postijiet fejn wieħed jista’ jirrilassa u jpoġġi bilqiegħda, inkluż kafetterija. Il-park għandu landscaping sabiħ bit-tħawwil ta’ siġar u arbuxxelli ġodda, waqt li ġew mqiegħda turf naturali u sistema ġdida ta’ irrigazzjoni.

Il-Park tal-Avventura qed jiġġenera enerġija alternattiva u rinnovabbli, kemm mix-xemx kif ukoll mir-riħ. L-enerġija kollha użata fil-park hija ġġenerata minn sistema ta’ pannelli solari fuq il-kafetterija u tliet sistemi oħra ta’ pannelli integrati (BIPVs) fil-binjiet tal-madwar. Ġiet installata wkoll wind tree li tiġġenera l-elettriku mir-riħ. Flimkien, dawn jipproduċu enerġija biżżejjed li tkopri s-sistemi kollha tal-Park tal-Avventura.

Il-funtani u l-water features ġew modernizzati u l-għamara kollha ta’ barra ġiet restawrata u ngħatat dehra aktar friska.

Ġiet installata sistema ġdida ta’ CCTV li tkopri l-park kollu biex tiġi aċċertata sigurtà massima għal kulħadd, u anke biex jiġu evitati atti vandali. Saret ukoll sistema ta’ WIFI għall-użu pubbliku fil-park kollu.

Ir-Rabat: Tisbiħ ta’ Ġnien Għar Barka

Dal-proġett kien jikkonsisti fid-disinn mill-ġdid ta’ dan il-ġnien fuq tliet livelli li fihom spazji għal-logħob tat-tfal, struttura biex tipprovdi d-dell kif ukoll rampi u turġien li jgħaqqdu l-livelli differenti. Il-pavimentar tal-ġnien hu tal-qawwi filwaqt li r-rampi u t-turġien huma miksija bil-granit. Il-ġnien fih bankijiet, kontenituri għar-rimi tal-iskart u arbli tad-dawl ġodda, u huwa mgħammar b’sistemi ġodda ta’ dawl u tisqija. Xi wħud mis-siġar kienu ġew trasferiti waqt li tħawlu xtieli ġodda mad-dawra kollha tal-ġnien.

Ix-xogħol ta’ twaqqigħ, skavar, bini tal-ħitan u konkos sar mill-ħaddiema tad-Direttorat għat-Twettiq tal-Proġetti, waqt li t-tqegħid tal-pavimentar u r-rubber matting, u l-installazzjoni tal-istrutturi għal-logħob tat-tfal u l-arbli tad-dawl saru minn kuntratturi.

Ġnien pubbliku b’tagħmir sportiv u parkeġġ għall-karozzi biswit il-grawnd tal-futbol ta’ Ħad-Dingli

Dan il-proġett kien jikkonsisti fil-bini ta’ ġnien pubbliku u parkeġġ għall-karozzi fuq medda ta’ art ta’ madwar 2,000 metru kwadru maġenb il-grawnd tal-futbol ta’ Dingli Swallows. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu il-bini ta’ ġibjun taħt l-art għall-ilma tax-xita, xogħol ta’ pavimentar, installazzjoni ta’ tagħmir għall-eżerċizzju fil-beraħ, installazzjoni ta’ għamara tat-triq, servizzi elettriċi u mekkaniċi, u xogħol ta’ landscaping.

Tisbiħ u pavimentar ġdid fiz-zuntier tan-naħa t’isfel tal-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun

Dawn ix-xogħlijiet ikkonsistew fit-tisbiħ u t-tibdil ta’ pavimentar f’Misraħ ir-Repubblika, magħruf aħjar bħala z-zuntier t’isfel tal-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katerina. Peress li l-proġett kien jinsab f’sit sensittiv, ix-xogħol kollu sar taħt is-superviżjoni kontinwa ta’ arkeologu. Waqt ix-xogħol ta’ skavar, instabu ġwiebi u kanali antiki li kollha ġew protetti u, fejn kien possibbli, tħalla aċċess permanenti għalihom.

Il-pavimentar il-ġdid kien magħmul minn madum tal-lava u tal-qawwi biex ġie ffurmat disinn li jsegwi ż-żewġ assi prinċipali tal-misraħ. It-turġien eżistenti tal-konkos inqalgħu u saru tal-qawwi waqt li l-madum tal-bankina madwar iz-zuntier inbidel u sar tal-lava bħal ma hu dak fil-kumplament tal-bankini fil-pjazza tal-knisja.

Inbniet ukoll funtana fil-parti l-wiesgħa tal-bankina maġenb iz-zuntier biex isservi bħala tifkira ta’ għajn tal-ilma antika li kienet tinsab fl-istess post, kif jidher f’ritratti antiki, imma li kienet ġiet imneħħija lejn nofs l-aħħar seklu. Xogħol ieħor li sar kien jinkludi t-tibdil tal-madum tar-rampa li tinżel lejn il-latrina pubblika, it-tqegħid ta’ servizzi ġodda taħt l-art, l-installazzjoni ta’ dwal ġodda biex idawlu l-faċċata tal-Mużew tal-Parroċċa, bankijiet ġodda, il-bini ta’ kamra zgħira taħt iz-zuntier biex fiha jitpoġġew il-pompi tal-funtana, u t-tibdil ta’ kaxxi għas-servizzi u toqob għall-arbli tal-festa. Ix-xogħlijiet inbdew fl-2018 u tlestew f’Settembru tal-2019.

Tisbiħ taz-Zuntier tal-Knisja Parrokkjali tal-Mellieħa

Dan il-proġett kien jikkonsisti fit-tibdil tal-pavimentar eżistenti taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tal-Vitorja. Tpoġġiet ukoll rampa ġdida tal-ħadid biex tagħti aċċess komdu lil persuni bi bżonnijiet speċjali. Ix-xogħlijiet kienu saru matul l-2019.

Il-Bandli tar-Rabat fid-Daħla tal-Imdina

Dawn il-bandli jinsabu f’post sabiħ immens, fil-linja ta’ ġonna sbieħ magħrufa bħala Howard Gardens fir-Rabat. 

Il-antiki inqalgħu u saru kompletament mill-ġdid biex ikunu aktar siguri, attraenti u l-istess ħin jirrispettaw l-ambjent tal-madwar.  Inbidlet ukoll l-għamara ta’ barra u saret oħra ġdida aktar sigura. 

Ingħataw livelli ġodda ta’ konkos f’fażijiet differenti u fuqu tqiegħed ukoll il-membrane. Taħt l-art saru preparmenti biex setgħu jgħaddu s-servizzi kollha neċessarji.  Saret sistema ta’ dawl ġdid bis-servizzi kollha riorganizzati u ċċentraliżżati. Saret sistema ġdida ta’ tad-drenaġġ kif ukoll ġbir tal-ilma.  Saret bażi li fuqha tqiegħed wiċċ attraetni sigur, filwaqt li tqiegħed pavimentar li jinkludi d-disinn tas-salib tat-tmien ponot biex jikkumplimenta l-ambjent storiku tal-madwar.

Ix-Xogħlijiet li saru fil-Formal Garden tal-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali
  • Il-Formal Garden jifforma parti mill-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali li hu wieħed mill-akbar proġetti li għaddejin bħalissa;
  • Dan il-park għandu firxa ta’ madwar 16,000 metru kwadru (14-il tomna);
  • Fit-tfassil ta’ dan il-ġnien, ġiet rispettata l-idea tal-mibki perit Joseph Spiteri, li oriġinaljament kien iddisinja dan il-post fis-snin disgħin.
  • Sar pavimentar ġdid u modern fuq medda ta’ aktar minn 26,000 metru kwadru;
  • Tisbih ta’ soft areas, li jinkludi ammont sabiħ ta’ siġar, arbuxelli, pjanti u turf;
  • Sar tindif u rinovar tas-sistema tal-ġbir tal-ilma tax-xita kif ukoll ir-restawr u tindif tal-ġibjuni eżistenti;
  • Ġiet installata sistema moderna ta’ irrigazzjoni;
  • Saret żona ġdida għall-esebizzjonijiet ta’ arti u installazzjonijiet artistiċi oħra;
  • Ġie riabilitat mill-ġdid l-anfiteatru inkluż il-faċilitajiet kollha ta’ wara l-palk;
  • Ġew modernizzati il-faċilitajiet sanitarji kollha kif ukoll saru sistemi ġodda għalihom;
  • Ġiet rinovata mill-ġdid il-funtana prinċipali;
  • Ġie miftuħ dħul ġdid għal dan il-post;
  • Saret installazzjoni ta’ dwal moderni u intelliġenti;
  • Ġew installati sistemi ġodda ta’ CCTV li jkopru l-park kollu biex tiġi aċċertata sigurtà massima għal kulħadd kif ukoll biex jiġu evitati atti vandali;
  • Ġie rrestawrat il-portiku inkluz ir-rinovar tal-facilitajiet sanitarji kollha;
  • Twaħħlet għamara ġdida tat-triq.